L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ser torganizza kors ta’ taħriġ għal dawk interessati li jaħdmu fil-Programm Nwar. Il-kors huwa miftuħ għal edukaturi li jixtiequ jitgħallmu iktar dwar strateġiji multisensojali tal-litteriżmu li jistgħu jużaw ma’ tfal li jsibuha diffiċli jaqraw u jiktbu. Dan huwa kors intensiv ta’ 75 siegħa u l-parteċipanti jkunu mistennija jiddedikaw ħin ieħor għar-riċerka u x-xogħol li jingħataw għal rashom.

 

L-applikanti jridu jkunu għalliema kkwalifikati (Grad ta’ għalliem rikonoxxut, Livell 6) jew LSA kwalifikat/a (Diploma in Facilitating Inclusive Education, Livell 5) u jrid ikollhom almenu 3 snin esperjenza f'qasam edukattiv relatat. L-applikanti jrid ikollhom ħakma tajba tal-Malti u l-Ingliż.

 

Il-kors se jkun organizzat fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun bejn Ottubru 2017 u Marzu 2018  u se jsir kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa bejn l-16:00 u s-18:00, b’xi sessjonijiet idumu sas-18:30. Il-kors se jibda nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ottubru u s-sessjoni tal-aħħar issir nhar it-Tlieta, 20 ta’ Marzu 2018.

 

Il-ħlas għal dan il-kors huwa ta’ €300. Il-formola t’hawn taħt trid tintbagħat bl-idejn jew bil-posta flimkien ma’ ċekk indirizzat lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, lis-Sinjura Rita Azzopardi, is-Segretarja tal-Programm,     iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun HMR 1304 sa mhux aktar tard mit-Tnejn 23 ta’ Ottubru 2017. Applikazzjonijiet mingħajr ħlas ma jiġux aċċettati.

 

Biex il-kors isir irid ikun hemm mill-inqas 15-il applikant. F’każ li l-Aġenzija tirċievi iktar applikazzjonijiet milli tista’ taċċetta, l-applikazzjonijiet eliġibbli jintgħażlu skont min japplika l-ewwel.

 

Ċertifikat ta’ parteċipazzjoni jingħata lil kull min jattendi 80% tas-sessjonijiet tal-kors, jissottometti x-xogħol assenjat u jagħmel 4 sigħat ta’ osservazzjoni f’2 ċentri. Dawn is-sigħat ta’ osservazzjoni jridu jsiru bejn Novembru 2017 u Frar 2018. Dawk li jispiċċaw il-kors b’suċċess jistgħu jiġu offruti impjieg mal-Aġenzija.

 

Aktar informazzjoni jew kjarifiki jistgħu jinkisbu mingħand is-Sinjura Rita Azzopardi billi ċċempel 2598 3301 jew permezz ta’ ittra elettronika lil: nwar.mede@gov.mt

 

Applika Hawn